Intervista ma’ Luke Joseph Buhagiar dwar ir-rumanz Cryptococcus
Cryptococcus titlu stramb. Mhux bil-Malti. Minn fejn bdiet l-idea għal dat-titlu u dar-rumanz? Kemm ilu jinkiteb? X'riċerka kellek bżonn?
L-idea għar-rumanz ġiet bil-mod. Għall-bidu kellhom ikunu novelli fuq in-natura tad-djalogu uman u l-gideb li ngħidu bla ma rridu. Eventwalment indunajt li l-kitba toqgħod aħjar bħala rumanz. Meta bdejt nesperimenta bil-kitba fl-ewwel persuna, indunajt li din taħdem ħafna meta l-karattri jkunu ħosbiena u jiffissaw (biża’ mill-mard, mill-futur, ħsibijiet assurdi, eċċetra). U meta għaqqadt il-kitba fl-ewwel persuna ma’ dik fit-tielet persuna, stajt namplifika kemm l-assurdità tal-ossessjoni kif ukoll is-sodezza ta’ dinja li tibqa’ għaddejja minkejja t-thewdin tal-bniedem.
Kien importanti għalija li r-rumanz ikun ibbażat f’belt mingħajr isem: li jgħodd huwa d-dinja li tibqa’ għaddejja, il-fiżiku, l-irwejjaħ, il-ħlejjaq mikroskopiċi ta’ madwarna, is-sema, il-baħar ta’ madwar il-belt, u l-bqija. Ridt ukoll protagonist li kif jiġbidlek is-simpatija, jagħmel xi ħaġa li ddarrsek ... u kif idarrsek, jagħmel xi ħaġa li tiġbidlek is-simpatija ... Lil hinn minn bniedem ‘minn tagħna’ jew le.
Cryptococcus huwa genus ta’ fungu. Uħud mill-ispeċi, bħall-cryptococcus neoformans, jistgħu jkunu perikolużi ħafna għall-bniedem, u l-protagonist huwa mwerwer minn dan speċifikament. Oħrajn mhumiex daqshekk rilevanti f’sens kliniku, u dal-fatt, flimkien man-natura tant speċifika tal-biża’ t’Andrei, juri l-baħħ tal-bniedem li ħarstu tibqa’ ’l ġewwa (fit-thewdin, fl-inċertezzi, eċċ.). Ir-rumanz inkiteb bil-cryptococcus imsemmi fih imma kien biss fl-aħħar li ħareġ biċ-ċar li dan jaħdem bħala titlu, waqt diskussjoni mal-editur. Il-kelma cryptococcus tankra lill-qarrej fid-dinja organika, lil hinn mit-teknoloġiji msemmijin fir-rumanz.
Xi biċċiet żgħar inkitbu snin ilu, mill-2021 ’il quddiem, però dawn spiċċaw servew l-iktar għal diskussjonijiet editorjali u biex nirfina l-istil tiegħi. Imbagħad, minn sentejn ilu ’l hawn, tajt spinta lir-rumanz b’kitba intensiva u b’ħafna riċerka fuq kif jaħdmu l-aġenti tal-proprjetà (minħabba x-xogħol tal-protagonist), fuq il-cryptococcus innifsu, u fuq retro gaming li huwa parti essenzjali mir-rumanz. Fil-proċess, iddeċidejt li nixtri PS2 u nqabbadha, nilgħab logħob antik, nipprova adapters differenti, u nistudja l-effett tal-estetika tagħha fuq kif tagħmilni nħossni. Din kienet l-iktar riċerka importanti li għamilt għal dar-rumanz. Id-dinjiet (estetiċi, mużikali, fil-forums online, fil-logħob infushom) li erġajt skoprejt kienu sbieħ immens, u għenuni nibni l-atmosfera tar-rumanz.
Fil-bidu tal-ktieb niltaqgħu mat-tifkira tat-tfulija ta’ Andrei u l-biża’ tiegħu li kompjuter jista’ jiġi infettat, flimkien mal-idea ta’ ħlejjaq mikroskopiċi u inviżibbli. Dan jidher li hu motif rikorrenti fil-ktieb. Għaliex għażilt dal-biżgħat u sens ta' theddida għal Andrei?
Primarjament biex noħloq atmosfera imsejjsa fuq dinja li tibqa’ għaddejja, dinja li f’ħakka t’għajn af iddur kontrik u tinfettak bil-modi tagħha, huma x’inhuma. It-teknoloġija spiss tagħtina s-sens, jew tiġi mibjugħa b'mod li jagħtina s-sens, li dak li qed tara huwa dak li hemm. Imma ħlejjaq mikroskopiċi jaħdmu b'loġika oħra, f’realtà li aħna m’għandniex esperjenza diretta tagħha. Owkej, il-bniedem jista’ jistudjahom imma diffiċli japprezza l-iskala tal-ħin li fiha jaħdmu. Issa minkejja l-biżgħat tiegħu, Andrei xorta joħlom fuq teknoloġija oħra, sempliċement waħda eqdem minn dik tal-lum (playstations antiki). Bħall-gideb li ngħidu lilna nfusna ta’ kuljum (fuq min aħna, fejn sejrin, x’inhi d-dinja, eċċ.), bl-istess mod il-ġeografiji ta’ madwarna (kemm organiċi kif ukoll teknoloġiċi) ikollhom effett fuqna li jinħass bil-mod. Andrei qisu qed jifhimha din, imma ma jistax jartikolaha sew.
It-teknoloġija u s-sistemi soċjali huma preżenti kontinwament fir-rumanz – mill-kompjuters u l-applikazzjonijiet għall-bini, il-burokrazija, il-kameras u l-kummerċ. Saħansitra Lemma, ix-shopping mall, kważi ssir karattru fiha nnifisha. Kemm taħseb li t-teknoloġija tbiddel il-bniedem, u kemm sempliċement tkabbar jew tikxef dak li diġà hemm fih?
Inħoss li t-teknoloġija tibdel il-bniedem (speċjalment ir-relazzjonijiet bejnietna) iktar milli sempliċement tkabbar u tikxef dak li diġà hemm. Fir-rumanz, Lemma ġieli huwa deskritt, sottilment, kważi bħala tempju, iktar milli kumpless tax-xiri. Il-kumplessi tax-xiri spiss iservu bħala ħarġa għal uħud minna ... u spiss nitkellmu bħallikieku minn dejjem kienu hekk l-affarijiet. Però hija riċenti immens li l-bniedem beda jgħix b’dan il-mod, b’dat-textix kontinwu u dwal sintetiċi kull fejn tmur. Fl-istess ħin, ħafna mill-bżonnijiet tagħna baqgħu l-istess: ikel, ilma, komunità, imħabba, li nagħtu kontribut lil ta’ madwarna, li nkunu fin-natura, eċċetra. Issa Andrei xorta lejn it-teknoloġija jdur, biss waħda iktar antika. Hu u jipprova jifhem lilu nnifsu, imur lura għal żmien fejn it-teknoloġija kienet għadha tinħass bħala ‘għodda’ iktar milli bħala ‘ġeografija’ li spiss toħnoq il-bniedem u tipprova tisirqu minnu nnifsu.
Naomi tikkuntrasta sew mal-karattru ta' Andrei minkejja li hi tidher l-iktar persunaġġ għal qalb Andrei. Mnn fejn ġej dal-karattru? Se tikxef għalfejn ma titkellimx? Kif żviluppajt il-karattru tagħha, u x’rwol għandha r-relazzjoni tagħha ma’ missierha fl-istorja?
Naomi ma qaltlix għala ma titkellimx, allura ma nistax ngħid. Il-karattru tagħha żviluppa f’kuntrast, u fl-istess ħin, ma’ dak ta’ Andrei. Andrei jinkwieta, anzjuż, iġibhom bi kbar, jgħid ħafna xorti bla sens ... Naomi ma tinkwetax, deċiża, stabbli, ma tgħid xejn bil-kliem imma għemilha jgħaddi messaġġi b’saħħithom. Il-ħbiberija ta’ Naomi ma’ Samira hija importanti ħafna wkoll biex nifhmu min hi Naomi. Andrei jaqta’ l-mobile ta’ spiss, imma lil Naomi jkun hu li jibagħtilha. U hi spiss tinjorah. Fl-istess ħin, bħalma Andrei jħobb il-logħob tal-consoles, Naomi tħobb il-logħob tal-arcades u ċ-ċess. L-irwol tal-karattru ta’ Naomi juri l-ansjetà kemmxejn esaġerata ta’ Andrei mil-lenti paternali. Apparti minn hekk, hija karattru li hija importanti fiha nfisha. Għalkemm ma titkellimx, Naomi tartikola ħafna aħjar minn Andrei t-tweġiba tagħha lejn dinja inċerta: billi tgħix ħajjitha kif tixtieq.
Ir-rumanz ma jimxix dejjem b’mod lineari. Il-ġrajjiet tal-preżent jitħalltu ma’ memorji, digressjonijiet, osservazzjonijiet u riflessjonijiet psikoloġiċi. Kemm kienet intenzjonata din l-istruttura sa mill-bidu, u kemm evolviet waqt il-kitba u l-editjar?
Għall-bidu kelli vizzju nikteb b’mod pjuttost lineari anke meta din ma kinitx taħdem. U kien importanti għalija li l-ġranet tal-ġimgħa jagħmlu sens u li r-rumanz juriha din: ħaġa li żammejt sal-aħħar, filfatt ir-rumanz iseħħ fi żmien ġimgħa bl-eżatt. Però, jien u nikteb, iddeċidejt li d-digressjonijiet u r-riflessjonijiet nipprovahom, nilgħab bihom, nisfurzahom, nibda mill-ġdid u nerġa’ niktibhom, nara x’jaħdem u x’ma jaħdimx. Uħud telqu waqt l-editjar. Ħafna minnhom baqgħu imma qsaru. Din għenitni ħafna biex nesperimenta bil-karattri, speċjalment dak ta’ Andrei imma anke ta’ Hannah u t-tfal fejn in-narratur fit-tielet persuna spiss jurina x’qegħdin jaħsbu.
Bil-mod il-mod, indunajt li l-kitba tjiebet, u li t-taħlita tal-preżent mar-riflessjonijiet tgħin lill-qarrej billi taċċellera l-esperjenza tal-qari f’sens ta’ flow. Diskussjonijiet editorjali għenu ħafna waqt dal-proċess. Sintendi l-kitba tqila ħafna u meta taħseb li wasalt, dejjem ikun hemm xi ħaġa li ġġegħlek tieħu pass lura. F’dawk il-mumenti fdajt ’l-editur u l-proċess editorjali, anke meta ma kontx qed nifhem eżatt ’il fejn jien sejjer. L-osservazzjonijiet psikoloġiċi qgħadt attent minnhom, għax diffiċli tgħid xi ħaġa ġdida mingħajr ma tkun klixè. Is-soluzzjoni, għalija, kienet li norbothom ma’ avvenimenti verament speċifiċi. B’hekk biss ħassejt li stajt nagħtihom il-ħajja.
Hemm tensjoni interessanti bejn l-ossessjonijiet ta’ Andrei, speċjalment bil-“kompletezza”, l-indafa, l-ordni etc u l-istruttura frammentata tar-rumanz. Kemm hija intenzjonata din ir-relazzjoni bejn il-forma tal-ktieb u l-mod kif jaħdem moħħ il-karattru?
Din hija intenzjonata fil-maġġor parti imma mhux dejjem. Meta hija intenzjonata, tamplifika l-ambigwità fil-karattri (speċjalment Andrei), li semmejt qabel. Għandek protagonist li jiffissa, li jgħid li jrid kollox bl-eżatt. Imma kemm-il darba naqbduh li qed jigdeb lilu nnifsu. Per eżempju, jibża’ mill-mard imma meta jaqleb tazza nbid fuq l-iskrivanija, jilgħaq l-inbid biex ikompli jixrob. Biex imbagħad jixrob iktar għax fi kliemu l-alkoħol joqtol il-mikrobi ...
Fl-istess ħin, għandek struttura li taqbeż mill-ewwel għat-tielet persuna, u dinja madwaru li mhijiex fil-kontroll tiegħu. Għalkemm jgħid li jħobb l-ordni, f’xogħlu jmur lura. U għalkemm madwaru jħoss li hemm il-kaos, fil-verità jekk irid jista’ jkollu ħajja sabiħa u m’għandux problemi kbar f’sens oġġettiv. Biss Andrei joħloq il-problemi għalih innifsu.
Ikolli ngħid però li r-relazzjoni bejn il-forma u l-moħħ tal-protagonist mhux dejjem kienet ippjanata. Lejn l-aħħar tal-kitba, il-karattri bdew imexxuni huma, u l-atmosfera bdiet tmexxini hi. Dawn ġieli ltaqgħu u ġieli le, u fdajt li d-dinamika bejn l-ordni u l-frammentazzjoni tieħu t-triq li għandha tieħu; bl-istess mod li Andrei jasal għall-konklużjonijiet tiegħu. Ħassejt li kelli nagħti nifs lir-rumanz, li speċi kelli nħallih jieħu n-nifs; avolja f’ħafna minnu l-protagonist stess jaqta’ nifsu.
Id-dettall sensorjali għandu preżenza qawwija ħafna fir-rumanz. Irwejjaħ, ħsejjes, uċuħ, spazji, oġġetti u sensazzjonijiet fiżiċi spiss isiru parti mill-mod kif Andrei jifhem id-dinja. Kemm kien importanti għalik li tibni l-atmosfera permezz ta’ dawn id-dettalji?
Għalija dad-dettalji huma kollox fir-rumanz. Jagħtuh burdata serja, ġieli anke sens ta’ ġabra u kważi kważi ġieli anke sens ta’ mistrieħ ... U dan minkejja l-partijiet tad-daħq u l-ġenn tal-protagonist. L-irwejjaħ, il-ħsejjes u kif jinħassu l-oġġetti huma l-bażi reali lil hinn mill-ossessjonijiet kollha tal-protagonist. L-ossessjonijiet huma gideb, imma dawn id-dettalji sensorjali huma reali. L-idea hi li d-dinja tibqa’ għaddejja, tibqa’ miexja kif inhi, u kemm-il darba tippreżenta ruħha jew timponi ruħha fuq il-bniedem, anke dak mitluf fih innifsu. Eżempju żgħir: ir-riħa tal-elettronika u tal-consoles. Dawn ma ġewx ikkreati biex jinxtammu b’ċertu mod, imma r-riħa tagħhom spiss tissemma’ fir-rumanz. Riħa ta’ plastik u ożonu.
Il-bniedem għandu l-għanijiet tiegħu u ġieli jirnexxielu jiksibhom, għallinqas f’moħħu. Imma irrilevanti minn hekk, id-dinja tibqa’ li hi, ikbar, kwieta, b’ċerti rwejjaħ u mhux oħrajn, spazji kbar u żgħar, miexja f’direzzjonijiet li xi kultant huma pjuttost aljeni għall-bniedem imma li fl-istess ħin ġieli jserrħuna. Cryptococcus fl-aħħar mill-aħħar huwa rumanz fuq l-ossessjoni u fuq il-gideb li ngħidu lilna nfusna, u dad-dettalji sensorjali, min-naħa l-oħra, jirriflettu dinja reali u tista’ tgħid onesta.
Kif kienet l-esperjenza editorjali ta’ dar-rumanz? Liema aspetti tar-rumanz – l-istruttura, ir-ritmu, il-karattri, il-lingwa jew iċ-ċarezza – għaddew mill-akbar trasformazzjoni matul il-proċess ta’ editjar? U kien hemm xi suġġerimenti editorjali li ddeċidejt li ma taċċettax għax ħassejt li kienu jmorru kontra dak li ridt tagħmel bil-ktieb?
L-esperjenza editorjali kienet sabiħa immens u ta’ sodisfazzjon enormi. Mingħajrha r-rumanz ma kienx jieħu l-forma li ħa, speċjalment fejn jidħlu sentenzi iqsar u iktar effettivi, u anke fejn jidħol ir-ritmu tal-kitba. Mhux dejjem fhimt is-suġġerimenti editorjali mill-bidu (din hija naturali), imma kuntent li ddeċidejt li nafda anke f’dawn il-mumenti. Iktar m’għadda ż-żmien iktar tgħallimt fejn għandi noqgħod fuq il-ġudizzju tiegħi u fejn assolutament għandi nkun xettiku mill-ideat tiegħi stess. Ħaġa diffiċli għal kulħadd, imma essenzjali.
Għalija, minkejja l-mumenti assurdi li ġieli jiltaqa’ magħhom il-qarrej (fil-ħsibijiet u l-azzjonijiet t’Andrei), u minkejja fejn jispiċċa l-protagonist, il-burdata tar-rumanz tibqa’ waħda miġbura, ħa ngħid hekk, ritmika. U l-proċess editorjali għenni biex dil-burdata nżommha u nagħtiha l-ħajja. Il-kummenti li m’aċċettajtx kienu ftit, u ħafna drabi kellhom x’jaqsmu mad-djalogu f’istanzi speċifiċi, fejn ħassejt li l-burdata u l-atmosfera kienu se jinbidlu minħabba dak li jgħidu l-karattri. L-editorija wasslet ukoll għal trasformazzjonijiet fl-irwol ta’ karattri minuri. Din tal-aħħar tat iktar ħajja lill-protagonist u ħarġet aspetti differenti, kemm tiegħu kif ukoll tad-dinja ta’ madwaru.
