Kotba Calleja
Handmade Books & Paper Products

Interviews

 

Intervista ma’ Alex Vella Gera dwar ir-rumanz Ereżija

Dal-ktieb differenti mill-kitba ta' AVG li nafu ssoltu. Ambizzjuż iktar forsi. Kumpless u fl-istess ħin għandu mil-leġġendi, mid-diskors epiku...donnu jissellef xbihat u stejjer minn ħafna truf, ħafna dinjiet li nofs ngħarfu. Minn fejn inqala'? X'inhu dar-rumanz għalik issa li wasal biex joħroġ?

Inħoss li Ereżija huwa r-rakkont li ilu jikber fija minn tfuliti. Mogħdija fil-kampanja Maltija ġġagħlni noħlom bi vjaġġi u mixjiet li jdumu ġimgħat, anke xhur jew snin. Id-dinja ta' Ereżija tibda fejn tieqaf il-mogħdija Maltija (jew Għawdxija fil-każ ta' Ereżija). Dax-xogħol inħobb niddefinixxih bħallikieku Malta intelqet toħlom dwarha nnifisha. Hemm ħafna mill-Mediterran fil-pajsaġġ, fin-nies li jabitaw din id-dinja, iżda huwa l-Mediterran ta' eluf ta' snin ilu, jew forsi ta' ħafna snin fil-futur. Il-mitoloġija Griega ma nafhiex sew iżda ġieli qrajt xi ħaġa u għedt, kemm qisha minn Ereżija din. Qisu l-ideat jiġuni spontanji, umbagħad id-dinja ta' barra tikkonfermali li qiegħed fit-triq it-tajba. Hemm ċerti dokumentarji etnografiċi, bħal tat-Taljan Luigi di Gianni, li għandu film qasir dwar raħal fir-reġjun ta' Lucania, u fih hemm mumenti jien u narah fejn bqajt issummat għax kien qisu seraqli l-immaġinazzjoni, tant kien hemm xebħ, fis-superstizzjoni, fit-tmermir tal-bini, fl-uċuħ tan-nies. Umbagħad hemm xi xogħlijiet tal-litteratura li sawruli l-viżjoni li żviluppat f'Ereżija, bħal Pinocchio ta' Collodi jew The Tin Drum ta' Gunter Grass, jew il-poeżiji immensi ta' Rimbaud. U sintendi, hemm iżjed u iktar li kultant lanqas jien inkun konxju li jkunu hemm ġew, ġo moħħi.

Fuq livell tematiku, Ereżija jidher bħala rumanz dwar l-individwu li jitwieled f’sistema li diġà ddeċidiet min għandu jkun. Ereżija jitqies bħala “bniedem xort’oħra iżda bniedem xorta waħda”. Id-dinja ta’ madwaru tipprova tiddefinih, ittih bis-sieq, twarrbu, tevitah. Din storja klassika tal-istramb imwarrab, xi forma ta' parabbola kontemporanja b'xi tagħlima għall-qarrej jew xejn minn dan?

Nilgħab b'dawk l-aspettattivi li din l-istorja toħloq fil-qarrej, m’hemmx dubju. Iżda Ereżija u l-kotba li jsegwu għandhom preokkuppazzjonijiet oħra, sforz dik il-mogħdija li semmejt, li fiha tlajja' u nżul u diversi sqaqien, u dawn żgur se jfixxklu dik l-interpretazzjoni. Fuq kollox, id-dinja ta' Ereżija, meta tħaffer taħt dak is-saff Xaħxi [kunċett ċentrali fil-mitoloġija tal-ktieb], hija kaotika. Bħal tagħna insomma. Għandi f'moħħi sikwit jien u nikteb il-ġebla Maltija, it-tessitura tagħha, il-lewn, iżda wkoll kif titmermer, u kif jiġu trasformati b'mod organiku minn dak it-tmermir kolonni, ħitan, statwi, l-arma ta' gran mastru, eċċ. Tistħajjilhom katavri li tħallew fl-apert biex jittieklu miż-żmien. Minn dawn ix-xbihat nibtet fija l-idea ta' sistema reliġjuża fejn fil-ġebla l-bniedem jagħraf l-ikbar qdusija. Pass pass ir-rakkont ta' Ereżija beda jħaddan fih elementi ambjentali, sforz dik il-ġebla Maltija. Id-degradazzjoni, l-entropija, li jfisser li kull ħaġa fl-univers timxi lejn il-frammentazzjoni jekk titħalla f'miljietha, u naturalment, jekk hemm id-degradazzjoni, ir-rakkont se jagħraf il-bniedem f'nofs dik id-degradazzjoni u kif il-poter ta' bniedem fuq bnedmin oħra jiġi espress f'tali degradazzjoni. Minn dawn l-elementi u oħrajn sibt ruħi nterraq fid-dinja ta' Ereżija u ġieli fid-dinja reali nsib lili nnifsi nagħraf elementi tad-dinja ta' Ereżija. Anke fiżiċi. Razzett abbandunat pereżempju nibdlu f'moħħi f'ħaxxerija. Tistaqsuni, x'inhi "ħaxxerija"? Aqraw u forsi ssiru tafu.

Il-lingwa ta’ Ereżija hija waħda mill-aktar elementi distintivi tal-ktieb. Vokabularji sħaħ. Strutturi ta' sentenzi arkajċi u strutturi sintattiċi li jimbuttaw il-lingwa. Fl-istess ħin il-qari jibqa' aċċessibbli. Kif ħdimt fuq din il-lingwa, u x’ridt tagħmel bil-Malti?

Ser ikolli nsellem lil Juann Mamo. Inħoss li hu kien li tani l-liċenzja biex nilgħab bil-lingwa, bl-istruttura, bl-idea li lingwa mhijiex statika u tifsiriet mhumiex minquxa fil-blata Aquiliniana. Peress li qed nistħajjel hawnhekk Malta maħluma minn Malta stess, il-Malti wkoll se jiġi fratturat mill-għarbiel tal-mistħajjel.

Il-forma tar-rumanz pjuttost ambizzjuża. Stejjer fi stejjer, il-ktieb tal-Patri Mgħandix u l-kronaka tal-vjaġġi tiegħu, miti, leġġendi, riti, talb u stejjer li jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. Kif bnejt l-istruttura ta’ Ereżija, u kemm minnha kienet ippjanata mill-bidu?

Fil-bidu ma kelli xejn ħlief tifel miexi fit-triq. L-ewwel xbiha. Triq Maltija l-Imsida fejn kbirt. Dan kien 'il fuq minn 30 sena ilu. Minn dak iż-żmien 'l hawn ir-rakkont għex miegħi, ivvjaġġa mieghi, anke kiber miegħi, kultant intesa, reġa' tfaċċa iktar iffurmat ... l-ewwel attentat biex niktbu kien go kerrejja l-Belt fl-1993. Fallejt imma kien falliment importanti. Insomma, pass pass, minn post għal post terraqt, Praga, Malta, Lussemburgu, Brussell, u d-dinja ta' Ereżija dejjem tikber, tikkumplika ruħha, sakemm fil-lockdown fl-2020 (iva, klixè!) wara bosta attentati, bdejt niktbu rġajt. Naħseb kelli bżonn nikteb u noħroġ l-ewwel rumanzi tiegħi l-ewwel qabel ma nibda Ereżija. Ma kinux strettament thejjija, imma f'sens kienu, mil-lat tekniku, ta' stamina u fuq kollox, biex ikolli fiduċja fija nnifsi li nista' nlesti rumanz. Naturalment, meta bdejt niktbu fil-lockdown, il-Malti tiegħi wkoll ħassu maqful u ristrett u ħlistu daqsxejn sabiex nara biex noħroġ. Minn dak il-mument il-ktieb beda qisu jikteb lilu nnifsu u jien kemm kont medjatur bejn ir-rakkont u l-karta.

Patri Mgħandix u l-idea ta’ vjaġġ lejn “il-bidu nett” jiftħu dimensjoni oħra fir-rumanz: dik tal-vjaġġatur li jipprova jifhem u jiddokumenta dinja li forsi qatt ma tista’ tinftiehem għal kollox. X’rwol għandhom il-vjaġġ, il-memorja, il-mit u l-att li wieħed jirrakkonta jew jikteb l-istorja fil-mod kif bnejt dan ir-rumanz? U hemm konnessjoni bejn din il-finzjoni u l-imħabba tiegħek għall-vjaġġ li tissemma fid-dedika lil ommok?

Meta kont tifel kont immur mixjiet fil-kampanja Maltija ma' missieri u ommi, u minn hemm naħseb nibtet l-idea li mogħdija tista' tiftaħ l-immaġinazzjoni għal pajsaġġi interjuri li jittrasformaw ruħhom f'pajsaġġi fantastiċi, li dejjem huma Maltin, iżda Maltin mod ieħor. Il-binja progressiva tad-dinja ta' Ereżija f'moħħi naturalment ħolqot fija sistema mitoloġika personali, saħansitra reliġjon, u qwiel u talbiet, u mentalita sħiħa ta' kif jgħixu dan-nies. Kultant inħasset barra mill-kontroll tiegħi, u jien kont qed sempliċiment niskopri, bħal xi vjaġġatur esploratur riċerkatur, kultura aljena. Ħafna dokumentarji etnografiċi għenuni fil-proċess, mhemmx xi ngħidu. Ommi kienet iffissata fl-ajruplani u li tivvjaġġa, mhux b'mod avventuruż sintendi, iżda kien hemm fiha x-xenqa li taħrab naħseb, għalkemm qatt ma kienet se tammettiha li kieku staqsejtha, u fija wkoll, fid-dinja ta' Ereżija, hemm ix-xenqa tiegħi li naħrab forsi, mhux mid-dinja reali, iżda mis-sens ta' għeluq li Malta kapaċi toħloq fija.

Fejn tarah joqgħod dal-ktieb fil-letteratura kontemporanja Maltija? Hemm xi elementi pjuttost komuni mal-letteratura li nafu fosthom ir-reliġjon, ir-raħal, ir-ritwal, il-komunità, l-awtorità. Imma dan kif inhu differenti minn dik it-tradizzjoni li nibnu l-istejjer fuq dawn l-elementi? Kif t/jitbiegħed minnha?

Il-fantastiku, is-sens ta' stagħġib, il-makabru, il-ġenn normalizzat. Dawn kollha jidhru f'rumanzi oħrajn, iżda nħoss li se jeħduna bnadi differenti minn kotba oħra tul is-sensiela kollha ta' Ereżija.

Il-manuskritt jinħass matur u magħqud. Kif kien il-proċess editorjali ta’ Ereżija? Liema aspetti tal-istruttura, tal-lingwa jew tar-rakkont inbidlu l-aktar matul dan il-proċess, u kemm kien diffiċli li tħalli persuna oħra tidħol f’dinja li kont bnejt b’tant dettall?

Ma' Kotba Calleja xtaqt naħdem għaliex apparti mil-lat estetiku tal-ktieb, li Glen jagħtih tant importanza u jien ukoll, naf li huwa intellett rigoruż, u ridt sfida bħal dik li offrieli hu. Ħassejt li x-xogħol kien jeħtieġ sfida bħal dik. Tant kont ili ngħix fih dar-rakkont li ċerti affarijiet li forsi jew kienu problematiċi, jew mhux spjegati biżżejjed, jew spjegati wisq, ma stajtx narahom. Kemm mil-lat strutturali, li għalija huwa ta' importanza primarja, kif ukoll fl-użu ta' ċerti aspetti tal-lingwa, editur tal-affari tiegħu dejjem ħa jkun ta' sfida għall-awtur. Glen, għalkemm rispettuż, ma joqgħodx lura, u għall-ewwel kien xokk għalija. Imma f'sens xokk mistħoqq, għaliex il-manuskritt li tajtu ma kienx lest għal kollox. Peress li kont ili ma nippubblika, kont illaxkajt ftit, u Glen, bħal ħarrieġ prim ta' atleta li qed jirritorna fl-arena wara żmien nieqes, kien il-missing link, biex ngħidu hekk, li għeni ngħaqqad ir-rakkont b'mod li jsaħħu u jagħtih awtorita letterarja.

Fejn tqiegħed Ereżija fil-vjaġġ tiegħek bħala wieħed mill-aktar figuri ewlenin fil-letteratura Maltija kontemporanja? AVG inbidel bħala kittieb? Ried jinbidel?

Għadni l-istess kittieb. Jekk xejn, evolvejt fil-kittieb li xtaqt inkun meta kelli 26 sena, ħafna qabel Sriep u Trojan u l-bqija. Darba għedt snin ilu li l-ewwel rumanzi tiegħi huma l-pjaneti qrib id-dinja. Żorthom, waħda waħda. Umbagħad komplejt fil-vjaġġ tiegħi, il-waqfa li jmiss l-ewwel "gas giant", u kien se jkun vjaġġ twil, għax wara l-pjaneti qrib id-dinja, il-gas giants huma ferm u ferm iktar 'il boghod u ferm u ferm ikbar fid-daqs. Issa bdejna l-inżul lejn din l-ewwel pjaneta ġganteska jisimha Ereżija. Kien vjaġġ twil u baqagħlna sejrin. Hemm pjaneti ġganteski oħra "fil-qrib".

InterviewGlen Calleja